Username: Password:
 
 
CONTACT US HOME SITE MAP    
 

 

IL-KANSER TAL-ĠILDA

 

Jaħsbu li daqs 90% tal-kanser tal-ġilda li mhux melanoma u 65-90% tal-melanomas joħorġu minħabba l-UV.

 

It-tipi kollha tal-kanser tal-ġilda huma aktar komuni f’min għandu ġilda bjonda li tinħaraq malajr u li ma tantx tismar.

 

Hemm tlett tipi prinċipali ta’ kanser tal-ġilda:

 

1.  Il-malignant melanoma hija l-aktar waħda magħrufa, għalkemm hija l-anqas waħda komuni.  Hija l-aktar tip perikoluż mill-kansers tal-ġilda.  Hija waħda mill-aktar kansers komuni f’nies ta’ bejn l-20 u l-35 sena.

 

Għadna ma nafux eżatt għalfejn toħroġ il-melanoma.  Huwa maħsub li x-xemx li tkun ħadt fit-tfulija u fiż-żgħożija hija fattur importanti li jgħin biex toħroġ il-melanoma, u jidher li dan hu aktar importanti mix-xemx li tieħu meta tkun kbirt.  L-agħar huwa meta tieħu ħafna xemx fi żmien qasir, per eżempju meta tinħaraq fil-'weekends’ jew fil-btali.  Fil-fatt, il-melanoma hija aktar komuni f’min jaħdem f’uffiċċju milli f’min jaħdem barra u jieħu x-xemx ta’ kuljum.

 

Min għandu lil xi ħadd fil-familja li kellu melanoma u min għandu ħafna għazez għandu riskju ogħla li toħroġlu melanoma.

 

It-tipi kollha tal-kanser tal-ġilda saru iżjed komuni f’razez b’ġilda ċara f’dawn l-aħħar għoxrin sena.  Però, l-aktar li żdiedu kienu l-melanomi.  Jista’ jkun li ż-żieda seħħet minħabba li s-smurija saret xi ħaġa sabiħa u n-nies bdew joqogħdu aktar fix-xemx.  Jista’ jkun ukoll li ġrat għax in-nies bdew jilbsu aktar imqaċċat, per eżempju saru jilbsu aktar qliezet u dbielet qosra, u flokkijiet biċ-ċingi.  Raġuni oħra tista’ tkun għax qed jonqos l-ożon fis-stratosfera, u għalkekk qed jgħaddi aktar UVB mix-xemx.

 

Il-melanoma tista’ toħroġ bħala għazza ġdida, jew bħala għazza jew nemxa li tkun bidlet il-kulur, il-forma, jew id-daqs tagħha, jew għazza li tkun bdiet tinħass differenti.  Il-melanomi spiss ikollhom forma jew kulur irregolari.  Il-ħakk huwa sintomu komuni tal-melanoma, imma għazez normali jistgħu jikluk wkoll.

 

*  Jekk għazza hija ċatta jew imqabbża, jekk saret iżjed imlaħħma bil-mod fuq tul ta’ żmien, u jekk għandha x-xagħar ħiereġ minnha, ma jurix li hija melanoma.

 

Jekk il-melanoma tinqabad kmieni, hemm ċans kbir ta’ fejqan.  Jekk ma tagħtix kasha, tista’ tinfirex malajr u ċ-ċelloli tal-kanser jistgħu jinfirxu għall-partijiet oħra tal-ġisem, u jistgħu joqtluk.

 

Il-melanoma tista’ toħroġ ta’ kull età, imma hija rari ħafna fit-tfal.

 

1/3         

                                                                                              

                                     

 

Site Development and Hosting by IT&C